 |
MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA BENEDITTU XVI LIŻ-ŻGĦAŻAGĦ TAD-DINJA FL-OKKAŻŻJONI TAT-23 JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, 2008
“Intom ikollkom il-qawwa, meta jiġi l-Ispirtu s-Santu fuqkom, u tkunu xhud tiegħi” (Atti 1:8)
Għeżież Żgħażagħ Ħbieb tiegħi!
1. It-23 Jum Dinji taż-Żgħażagħ.
Jien dejjem niftakar b’ferħ kbir l-okkażżjonijiet diversi li għaddejna flimkien
f’Cologne f’Awissu 2005. Fi tmiem dik il-wirja li ma nistgħux ninsew, ta’ fidi u
ta’ entużjażmu, li tibqa’ mnaqqxa fl-Ispirtu tiegħi u f’qalbi, jien għamilt
appuntament magħkom għal-laqgħa li jmiss li ser issir f’Sydney fl-2008. Din ser
tkun it-23 Jum Dinji taż-Żgħażagħ u t-tema ser tkun: “Intom ikollkom il-qawwa,
meta jiġi l-Ispirtu s-Santu fuqkom, u tkunu xhud tiegħi”
(Atti 1:8). It-tema li twassal għat-thejjija spiritwali għal-laqgħa ta’ Sydney
hija l-Ispirtu s-Santu u l-missjoni. Fl-2006, aħna kkonċentrajna l-attenzjoni
tagħna fuq l-Ispirtu s-Santu bħala l-Ispirtu tal-Verità. Issa fl-2007
qegħdin infittxu li nagħrfuh aktar fil-fond bħala l-Ispirtu tal-imħabba biex
nimxu mbagħad lejn il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ 2008 waqt li nirriflettu fuq
l-Ispirtu tal-qawwa u tax-xhieda li jagħtina l-kuraġġ li ngħixu l-Evanġelju u
nxandruh bla biża’. Għalhekk huwa importanti ħafna li kull wieħed u waħda
minnkom għeżież żgħażagħ fil-komunitajiet tagħkom, u flimkien ma’ dawk
responsabli għall-edukazzjoni tagħkom – tkunu kapaċi tirriflettu fuq dan
il-Protagonista ta’ l-istorja tas-salvazzjoni, li hu l-Ispirtu s-Santu jew
l-Ispirtu ta’ Ġesù biex tilħqu dawn l-iskopijiet għoljin: li tagħrfu l-identità
vera ta’ l-Ispirtu, prinċipalment billi tisimgħu l-Kelma ta’ Alla
fir-Rivelazzjoni tal-Bibbja, biex issiru konxji b’mod sħiħ tal-preżenza kontinwa
u attiva tiegħu fil-ħajja tal-knisja, speċjalment waqt li tagħraf mill-ġdid illi
l-Ispirtu Qaddis huwa ”r-ruħ”, in-nifs vitali tal-ħajja proprja nisranija,
permezz tas-sagramenti tal-bidu tal-ħajja nisranija – Magħmudija, Konfermazzjoni
u l-Ewkaristija; u hekk issir kapaċi timmatura fl-għarfien ta’ Ġesù, dejjem
aktar profond u ferrieħi u fl-istess ħin tqiegħed l-Evanġelju fil-prattika,
fil-bidu tat-tielet millennju. F’dan il-messaġġ, jien bil-ferħ qed noffrilkom
skema ta’ meditazzjoni li intom tistgħu tesploraw matul din is-sena ta’
tħejjija. B’dan il-mod intom tistgħu teżaminaw il-kwalita’ ta’ fidi tagħkom
fl-Ispirtu s-Santu, terġgħu ssibuha mill-ġdid jekk tliftuha, issaħħuha jekk
iddgħajfet, tiggustawha bħala sieħba tal-Missier u ta’ l-Iben Ġesù Kristu,
grazzi għall-ħidma indispensabli ta’ l-Ispirtu s-Santu. Tinsew qatt li l-Knisja,
anzi l-umanità nfisha, dawk kollha li qegħdin madwarkom u li qed jistennewkom
fil-ġejjieni tagħkom, jistennew ħafna minn għandkom għeżież żgħażagħ, għax fikom
għandkom id-don suprem tal-Missier, l-Ispirtu ta’ Ġesù.
2. Il-wegħda ta’ l-Ispirtu s-Santu fil-Bibbja
Is-smigħ bl-attenzjoni tal-Kelma ta’ Alla, rigward il-misteru u l-ħidma ta’
l-Ispirtu s-Santu jiftħilna għarfien kbir u qawwi li jiena ser nurikom fil-punti
li ġejjin. Ftit qabel ma Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “U, ara, jien
nibagħtilkom dak li wegħdkom Missieri” (Lq. 24,49). Dan ġara fil-jum ta’
l-Għid il-Ħamsin meta kienu jitolbu flimkien fiċ-Ċenaklu (fil-Kamra ta’ Fuq)
flimkien mal-Verġni Marija. L-inżul ta’ l-Ispirtu s-Santu fuq il-Knisja fil-bidu
tagħha kien it-twettiq ta’ wegħda ta’ Alla, magħmula ħafna żmien qabel, imħabbra
u mħejjija matul it-Testment il-Qadim.
Infatti sa mill-ewwel paġni, il-Bibbja tippreżenta l-Ispirtu ta’ Alla bħala riħ
“li jittajjar fuq wiċċ l-ilma” (cf. Ġen. 1,2) u tgħid li Alla nefaħ
f’imnifsejn il-bniedem in-nifs tal-ħajja (cf. Ġen. 2,7), b’hekk tah
il-ħajja stess. Wara d-dnub oriġinali l-Ispirtu li jagħti l-ħajja ta’ Alla
jissemma diversi drabi fl-istorja tal-bnedmin, kien isejjaħ il-profeti biex
iħeġġu l-poplu magħżul biex jerġa’ lura lejn Alla u biex josserva fedelment
il-kmandamenti. Fid-dehra magħrufa ħafna tal-profeta Eżekjel, Alla bl-Ispirtu
tiegħu jagħti l-ħajja mill-ġdid lill-poplu ta’ Iżrael, rappreżentant
mill-“għadam niexef” (cf. 37:1-14). Ġoel iprofetizza t-“tiswib sħiħ ta’
l-Ispirtu” fuq il-poplu kollu, b’mod li ma jħalli barra lil ħadd. L-awtur sagru
kiteb: “U jiġri wara dan li nsawwab minn ruħi fuq kull ħaj. U fuq l-ilsiera u
l-qaddejja wkoll, insawwab f’dawk il-jiem minn ruħi (3:1-2).
Fil-“milja taż-żmien” (cf. Gal. 4:4), l-anġlu tal-Mulej ħabbar lill-Verġni
Marija ta’ Nazareth li “l-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa ta’ l-Ogħla
tgħattik, għalhekk dak li jitwieled ikun qaddis, jissejjaħ Bin Alla (cf.
Lq.
1:35). Fil-kliem tal-profeta Isaija, il-Messija jkun il-wieħed li fuqu l-Ispirtu
tal-Mulej jistrieħ (cf. 11:1-2; 42:1). Din il-profezija Ġesu’ semmiha fil-bidu
tal-ministeru pubbliku tiegħu fis-sinagoga ta’ Nazareth. Fost l-għaġeb ta’ dawk
preżenti, huwa qal: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għaliex Hu wettaqni; biex
inwassal il-bxara t-tajba ‘l-imsieken bagħatni, biex inħabbar lill-imjassrin
il-ħelsien, lill-għomja d-dawl; biex nibgħat il-maħqurin meħlusa; biex inxandar
is-sena tal-ħniena ta’ Alla” (Lq. 4:18-19, cf. Iż. 61:1-2). Waqt li indirizza
lil dawk li kienu jisimgħuh, huwa rrefera dak il-kliem profetiku għalih innisfsu
billi qal: “Illum seħħet din il-kitba li smajtu” (Lq. 4:21). Ukoll, qabel il-mewt
tiegħu fuq is-salib, huwa qal lid-dixxipli tiegħu diversi drabi dwar il-miġja
ta’ l-Ispirtu s-Santu, “Avukat”, li l-missjoni tiegħu tkun li jagħti xiehda lilu
u lil dawk li jemmnu billi jgħallimhom u jwassalhom għall-milja tal-Verità (cf.
Gw. 14:16-17).
3. Għid il-Ħamsin, il-punt tat-tluq tal-Missjoni tal-Knisja
Fil-għaxija tal-jum li fih qam mill-mewt, Ġesù waqt li deher lid-dixxipli, nefaħ
fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu” (Gw. 20:22). Hekk ukoll, b’aktar
qawwa, l-Ispirtu s-Santu niżel fuq l-Appostli fil-jum ta’ l-Għid il-Ħamsin “U
minnufih instama’ ħoss ġej mis-sema bħal ta’ riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn
kienu qegħdin. U deherulhom ilsna qishom tan-nar li tqassmu u qagħdu fuq kull
wieħed minnhom” (Atti 2:2-3).
L-Ispirtu s-Santu ġedded l-Appostli minn ġewwa, imliehom bil-qawwa
li tagħtihom kuraġġ biex joħorġu u jxandru bla biża’ li “Kristu miet u
rxoxta”. Ħielsa minn kull biża’, huma bdew jippriedkaw bil-miftuħ u bla biża’
(cf. Atti 2:29). Dawn is-sajjieda li kienu mbeżżgħin, saru xandara qalbiena ta’
l-Evanġelju. Ukoll l-istess għedewwa tagħhom ma setgħux jifhmu kif “nies bla
għerf u bla tagħlim” (cf. Atti 4:13) setgħu juru daqshekk kuraġġ u jegħlbu
diffikultajiet, tbatija u persekuzzjoni bil-ferħ. Xejn ma seta’ jżommhom. Lil
dawk li riedu jsikktuhom, huma weġbuhom: “aħna ma nistgħux ma nitkellmux fuq dak
li rajna u smajna” (Atti 4:20). Hekk twieldet il-Knisja, u mill-jum ta’
Pentekoste ma waqfitx ixxandar l-Aħbar it-Tajba “sa t-truf ta’ l-art” (Atti
1:8).
4. L-Ispirtu s-Santu, ir-ruħ tal-Knisja u prinċipju ta’
komunjoni
Jekk irridu nifhmu l-missjoni tal-Knisja, rridu mmorru lura lejn iċ-Ċenaklu fejn
id-dixxipli baqgħu flimkien (cf. Lq 24:49), jitolbu ma’ Marija, l-“Omm”
jistennew l-Ispirtu li kien imwiegħed. Din l-ikona tal-Knisja li kienet qed
titiwieled għandha tkun bidu kostanti ta’ ispirazzjoni għal kull komunita’
nisranija. Il-frott apostoliku u missjunarju mhux prinċipalment riżultat ta’
programmi u metodu pastorali li huma maħduma bil-għaqal u “effiċjenti”, iżda
frott tat-talb kostanti tal-komunità (cfr. Pawlu VI, Eżort. Apost.
Evangelii Nuntiandi, 75). L-effikaċja tal-missjoni tippresupponi ukoll li
l-komunitajiet ikunu magħqudin, jiġifieri li għandhom ikunu qalb u ruħ waħda
(cf. Atti 4:32) u li għandhom ikunu lesti li jixhdu għall-imħabba u l-ferħ li
l-Ispirtu s-Santu jferra’ fil-qlub tal-fidili (cf. Atti 2:42). Il-Qaddej ta’
Alla, Gwanni Pawlu II, kiteb li wkoll qabel ma ssir azzjoni, il-missjoni
tal-knisja hija li tagħti xiehda u tgħin b’mod li tiddi lill-oħrajn (cf.
Redemptoris Missio, 26). Hekk kien isir fil-bidu tal-Kristjaneżmu, meta
l-pagani, kiteb Tertulljanu, kienu jikkonvertu meta jaraw l-imħabba li kienet
issaltan bejn l-insara: “Ara” – jgħidu – “kemm jinħabbu bejniethom” (cfr.
Apologia, 39 par.7).
Waqt li ntemmu din il-ħarsa qasira tal-Kelma ta’ Alla fil-Bibbja, jien
nistedinkom biex tosservaw kif l-Ispirtu s-Santu huwa l-ogħla don ta’ Alla
lill-bnedmin u għalhekk ix-xiehda suprema ta’ l-imħabba tiegħu lejna, imħabba li
hi speċifikament espressa bħala l-“iva għall-ħajja” li Alla jrid għal kull
kreatura tiegħu. Din l-“iva għall-ħajja” issib il-milja tagħha f’Ġesù ta’
Nazareth u fir-rebħa tiegħu fuq il-ħażen permezz tal-fidwa. F’dan ir-rigward
inqisu li qatt ma ninsew li l-Evanġelju ta’ Ġesù, preċiżament minħabba
l-Ispirtu, ma jistax ikun ridott għal stat ta’ fatti, imma jrid isir “aħbar
sabiħa għall-foqra, ħelsien għall-ħabsin u dawl għall-għomja”. U dan deher
b’qawwa kbira fil-jum tal-Pentekoste, hekk kif saret il-grazzja u l-ħidma
tal-Knisja fid-dinja bħala missjoni ewlenija tagħha.
Aħna l-frott ta’ din il-missjoni tal-Knisja permezz tal-ħidma ta’ l-Ispirtu
s-Santu. Aħna nġorru ġewwa fina dak is-siġill ta’ l-imħabba tal-missier f’Ġesù
Kristu li hu l-Ispirtu s-Santu. Ma ninsewh qatt dan, għaliex l-Ispirtu tal-Mulej
dejjem jiftakar kull individwu u jixtieq, speċifikament permezz tagħkom,
żgħażagħ li tqajmu fid-dinja r-riħ tan-nar ta’ Pentekoste ġdida.
5. L-Ispirtu s-Santu: “Għalliem interjuri”.
Għeżież żgħażagħ, illum ukoll l-Ispirtu s-Santu jkompli jaħdem bil-qawwa
fil-Knisja u l-frott ta’ l-Ispirtu huwa abundanti fil-qies li aħna disposti li
ninfetħu għall-qawwa tiegħu li ġġeddidna. Dwar dan huwa importanti li kull
wieħed minna nagħrfuh, u nidħlu f’rapport miegħu u nħalluh jiggwidana. Iżda dwar
dan il-punt tqum naturalment domanda: min hu għalija l-Ispirtu s-Santu? Infatti
mhux ftit huma l-insara li għalihom Huwa jkompli jkun “il-kbir mhux magħruf”.
Dan hu għaliex, li kif aħna qed inħejju għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li jmiss,
jien ridt li nistedinkom biex tiġu biex issiru tafu l-Ispirtu s-Santu iżjed
fil-fond, f’livell personali. Fl-istqarrija tal-fidi tagħna, aħna nxandru:
“Jiena nemmen fl-Ispirtu s-Santu, il-Mulej li jagħti l-ħajja, li jiproċedi
mill-Missier u mill-Iben” (Kredu ta’ Nicea-Konstantinopli). Iva, l-Ispirtu
s-Santu, l-Ispirtu tal-imħabba tal-Missier u ta’ l-Iben, huwa l-Għajn tal-ħajja
li tagħmilna qaddisa, “għaliex l-imħabba ta’ Alla msawba fi qlubna bl-Ispirtu
s-Santu li hu mogħti lilna” (Rum 5:5). B’danakollu, mhux biżżejjed li nsiru
nafuh; hemm bżonn li naċċettawh bħala gwida ta’ ruħna bħala l-Għalliem tal-ħajja
interjuri, li jintroduċina fil-misteru trinitarju għax Hu biss jista’ jiftħilna
għall-fidi u jħallina ngħixuha kull jum fil-milja tagħha. L-Ispirtu li
jimbuttana lejn l-oħrajn, li jqabbad fina n-nar ta’ l-imħabba, u jagħmilna
missjunarji ta’ l-imħabba ta’ Alla.
Jien naf sewwa kemm intom iż-żgħażagħ għandkom f’qalbkom apprezzament u mħabba
kbira għal Ġesù u li tixtiequ tiltaqgħu miegħu u titkellmu miegħu. Tassew
iftakru li hija preċiżament il-preżenza ta’ l-Ispirtu ġewwa fina li ssaħħaħ,
tikkostitwixxi u tibni l-persuna tagħna fuq il-persuna vera ta’ Ġesù msallab u
rxuxtat. Għalhekk ejjew insiru familjari ma’ l-Ispirtu biex insiru familjari ma’
Ġesù.
6. Is-Sagramenti tal-Konfirmazzjoni u ta’ l-Ewkaristija
Imma – tgħidu – kif nistgħu nħallu lilna nfusna niġġeddu mill-Ispirtu s-Santu u
nikbru fil-ħajja spiritwali? It-tweġiba – intom tafu – u tistgħu permezz
tas-Sagramenti, għaliex il-fidi titwieled u tissaħħaħ fina, grazzi
għas-Sagramenti. Fuq kollox għal dawk fil-bidu tal-ħajja nisranija,
il-Magħmudija, il-Konfirmazzjoni u l-Ewkaristija li huma komplimentarji u
inseparabli (cf. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1285). Din il-verita
li tikkonċerna t-tliet sagramenti li jagħtu bidu lil ħajjitna bħala nsara hija
forsi traskurata fil-ħajja tal-fidi ta’ ħafna Nsara. Huma jħarsu lejhom bħala
ġrajjiet li saru fl-imgħoddi li ma għandhom l-ebda tifsira reali għal-lum, bħala
għeruq li jonqoshom kultivazzjoni li tagħti l-ħajja. Jiġri li ħafna żgħażagħ
jitbiegħdu mill-ħajja tagħhom ta’ fidi wara li jkunu rċevew il-Konfirmazzjoni.
Hemm ukoll żgħażagħ li għadhom ma rċevewx dan is-sagrament. Madankollu permezz
tas-sagramenti tal-Magħmudija, Konfirmazzjoni u mbagħad inkomplu dwar
l-Ewkaristija, li l-Ispirtu s-Santu jagħmilna wlied il-Missier, aħwa rġiel u
nisa ta’ Ġesù, membri tal-Knisja tiegħu, kapaċi li nkunu xhieda għall-Evanġelju
u kapaċi li nduqu l-hena tal-fidi.
Jien għalhekk nistedinkom li tirriflettu fuq dak li qed niktbilkom. Illum huwa
partikularment neċessarju li niskopru mill-ġdid is-sagrament tal-Konfirmazzjoni
u l-post importanti tiegħu fil-ħajja spiritwali tagħna. Dawk li irċevew
is-sagramenti tal-Magħmudija u tal-Konfirmazzjoni għandhom jiftakru li huma saru
“tempji ta’ l-Ispirtu”: Alla jgħix fihom. Kunu dejjem attenti dwar dan u ħabirku
biex tħallu t-teżor ġo fikom biex jagħti frott ta’ qdusija. Dawk li huma
mgħammdin u għadhom ma rċevewx is-sagrament tal-Konfirmazzjoni, ippreparaw li
tirċevuh, waqt li tkunu tafu li b’dan il-mod intom issiru Nsara “kompleti” billi
l-Konfirmazzjoni tipperfezzjona l-grazzja tal-magħmudija (cf. Il-Katekiżmu
tal-Knisja Kattolika, 1302-1304).
Il-Konfirmazzjoni tagħtina qawwa speċjali biex nagħtu xiehda u glorja lil Alla
bil-ħajja kollha tagħna (cf. Rum. 12:1). Hija tagħmilna konxji intimament li
aħna tal-knisja, il-Ġisem ta’ Kristu, li tiegħu aħna lkoll membri ħajjin,
f’solidarjetà ma’ xulxin (cf. 1Kor. 12:12-25) waqt li jħallu lilhom infushom
immexxija mill-Ispirtu, kull persuna mgħammda tista’ tagħti l-kotribut tiegħu
jew tagħha għall-bini tal-Knisja mħabba l-kariżmi mogħtija mill-Ispirtu
għaliex “lil kull wieħed mogħtija r-rivelazzjoni ta’ l-Ispirtu għall-ġid ta’
kulħadd ” (1Kor. 12:7). Meta l-Ispirtu jaġixxi, huwa jwassal il-frott tiegħu
lir-ruħ, li huma “mħabba, ferħ, sliem, sabar, ħniena,
tjubija, fidi, ħlewwa, rażna” (Gal. 5:22). Lil dawk fostkom li għadhom ma
rċevewx is-sagrament tal-Konfirmazzjoni, jien inwasslilkom stedina minn qalbi
biex iħejju biex jirċievu dan is-sagrament u jfittxu l-għajnuna mis-saċerdoti
tagħkom. Hija okkażjoni speċjali ta’ grazzja li l-Mulej qed joffrilkom. Titilfux
din l-okkażżjoni.
Nixtieq inżid kelma dwar l-Ewkaristija. Biex nikbru fil-ħajja Nisranija tagħna,
aħna għandna bżonn li nirċievu l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, infatti aħna
mgħammdin u ikkonfermati ‘in vista’ ta’ l-Ewkaristija (cfr. CCC.1322 Eżort.
Apost. Sacramentum Caritatis, 17). “Għajn u quċċata” tal-ħajja
tal-Knisja, l-Ewkaristija hija “Pentekoste perpetwa”, billi kull darba li
niċċelebraw il-quddiesa, nirċievu l-Ispirtu s-Santu li jgħaqqadna iżjed fil-fond
ma’ Kristu u jbiddilna fih. Jekk, għeżież żgħażagħ, nipparteċipaw ta’ spiss
fiċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika, jekk tiddedikaw ftit mill-ħin tagħkom
għall-adorazzjoni tas-Sagrament Imqaddes, l-Għajn ta’ l-Imħabba li hija
l-Ewkaristija, intom takkwistaw dik id-determinazzjoni ferrieħa li tiddedikaw
il-ħajja tagħkom biex issegwu l-Evanġelju. Fl-istess ħin tkun l-esperjenza
tagħkom li kull meta s-saħħa tagħna ma tkunx biżżejjed, huwa l-Ispirtu s-Santu
li jbiddilna, jimliena bil-qawwa tiegħu u jagħmilna xiehda mimlija bil-ħerqa
missjunarja ta’ Kristu rxoxt.
7. Il-ħtieġa u l-urġenza tal-missjoni
Ħafna żgħażagħ iħarsu lejn ħajjithom bil-biża’ u jagħmlu ħafna mistoqsijiet dwar
il-futur tagħhom. Huma jħossuhom imħassba u jistaqsu: kif ser ngħixu f’dinja
mmarkata minn ħafna inġustizzji gravi u minn daqshekk tbatija? Kif ser
nirreaġixxu għall-egoiżmu u l-vjolenza li xi drabi jidhru li jirnexxu? Kif
nistgħu nagħtu tifsira sħiħa tal-ħajja? Kif nistgħu ngħinu biex il-frott ta’
l-Ispirtu s-Santu li fakkarna aktar ‘il fuq, “mħabba, ferħ, sliem, sabar,
ħniena, tjubija, fidi, ħlewwa, rażna” (n. 6), jistgħu jimlew din id-dinja miġruħa
u dgħajfa, id-dinja taż-żgħażagħ fuq kollox? B’liema kondizzjonijiet l-Ispirtu
li jagħti l-ħajja ta’ l-ewwel ħolqien u fuq kollox tat-tieni ħolqien jew fidwa
jsiru r-ruħ ġdida ta’ l-umanità? Ejjew ma ninsewx li aktar kbir id-don ta’ Alla
u d-don ta’ l-Ispirtu ta’ Ġesù huwa l-akbar wieħed fosthom kollha – daqshekk
akbar huwa l-bżonn tad-dinja li tirċevih u għalhekk akbar u aktar eċċitanti hija
l-missjoni tal-Knisja li tkun xiehda kredibbli għaliha. Intom żgħażagħ, permezz
tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, qegħdin turu b’dan il-mod ix-xewqa li tipparteċipaw
f’din il-missjoni. F’dan ir-rigward għeżież żgħażagħ ħbieb tiegħi, jien irrid
infakkarkom hawn, xi veritajiet prinċipali fuqiex timmeditaw. Għal darba oħra
nirrepeti li Kristu biss jista’ jwettaq l-aspirazzjonijiet l-aktar intimi li
huma fil-qalb ta’ kull persuna. Kristu biss jista’ jumanizza l-umanità u
jwassalha għad-“divinazzjoni” tagħha. Permezz tal-qawwa ta’ l-Ispirtu tiegħu
huwa jnissel fina l-imħabba divina li tagħmilna kapaċi li nħobbu l-proxxmu u
nkunu pronti li nservu. L-Ispirtu S-Santu jdawwalna, jirrivelalna lil Kristu
msallab u rxuxtat u jurina kif nistgħu nsiru aktar nixbħuh biex hekk inkunu
nistgħu nsiru “xbiha u l-instrument ta’ l-imħabba li tfur minn Kristu” (Deus
Caritas Est, 33). Dawk li jħallu lilhom infushom immexxija mill-Ispirtu
jifhmu li tqiegħed lilek innifsek fis-servizz ta’ l-Evanġelju, mhix xi ħaġa
żejda li tista’ tagħżilha jew le, għaliex jagħrfu l-urġenza li jwasslu l-Aħbar
it-Tajba lill-oħrajn. Madankollu għandna bżonn minn ifakkarna mill-ġdid li aħna
nistgħu nkunu xiehda ta’ Kristu biss jekk inħallu lilna nfusna mmexxija
mill-Ispirtu s-Santu li hu “l-aġent prinċipali tal-missjoni” (cf. Redemptoris
Missio, 21). Għeżież żgħażagħ ħbieb tiegħi, bħalma l-prediċessuri venerabbli
tiegħi Pawlu VI u Ġwanni Pawlu II qalu f’diversi okkażjonijiet, li xxandar
l-Evanġelju u tagħti xiehda lill-fidi, hija aktar meħtieġa llum minn qatt qabel
(cf. Redemptoris Misso, 1). Hemm dawk li jaħsbu li tippreżenta t-teżor
prezzjuż tal-fidi lill-popli li ma jaqblux, tfisser li tkun intolleranti lejhom,
imma dan mhux il-każ, għaliex li tippreżenta lil Kristu ma tfissirx li timponih
(cf. Evangelii Nuntiandi, 80). Aktar minn hekk, elfejn sena ilu, tnax-il
Appostlu taw ħajjithom biex Kristu jkun magħruf u maħbub. Matul is-sekli, minn
dak iż-żmien l-Evanġelju kompla jixtered permezz ta’ rġiel u nisa, ispirati
bl-istess fervur missjunarju. Illum ukoll hemm il-ħtieġa għal dixxipli ta’
Kristu li jagħtu mingħajr ma jegħjew mill-ħin tagħhom u mill-enerġija tagħhom
biex jaqdu l-Evanġelju.
Hemm il-bżonn għal żgħażagħ li jħallu l-imħabba ta’ Alla li tħeġġeġ fihom u li
jwieġbu ġenerożament għas-sejħa urġenti tiegħu bħalma ħafna żgħażagħ beati u
qaddisin għamlu fl-imgħoddi kif ukoll fi żminijiet aktar reċenti. B’mod
partikulari jiena nassigurakom li l-Ispirtu ta’ Ġesù llum qed jistedinkom,
lilkom żgħażagħ li nkunu messaġġiera ta’ l-aħbar it-tajba ta’ Ġesù lil dawk ta’
żmienkom. Id-diffikulta li bla dubju l-adulti jsibu meta jersqu lejn id-dinja
taż-żgħażagħ b’mod li jiftiehem u jikkonvinċi, jista’ jkun sinjal li bih
l-Ispirtu qiegħed iwassal lilkom żgħażagħ li tieħdu dan ix-xogħol intom stess.
Intom tafu l-ideali, il-lingwa, u wkoll il-feriti, l-istennija u fl-istess ħin
ix-xewqa għat-tjubija li jħossu n-nies ta’ żmienkom. Dan jiftaħ beraħ id-dinja
kollha ta’ emozjonijiet, xogħol, edukazzjoni, stennija u tbatija taż-żgħażagħ.
Kull wieħed minnkom għandu jkollu l-kuraġġ li jwiegħed lill-Ispirtu s-Santu li
intom iġġibu persuna waħda żagħżugħa lil Ġesù Kristu bil-mod li intom
tikkunsidraw l-aħjar, waqt li tkunu tafu kif “twieġbu lil kull min jistaqsikom
il-għala tat-tama li għandkom fikom, imma dejjem bil-ħlewwa u bil-ġieħ u
b’kuxjenza tajba” (cf. 1Pietru 3:15).
Biex tilħqu dan l-iskop, għeżież ħbieb tiegħi, għandkom tkunu qaddisa u
missjunarji billi ma nistgħux nifirdu l-qdusija mill-missjoni (cf.
Redemptoris Missio, 90). Tibżgħux issiru missjunarji qaddisa bħal San
Franġisk Saverju li vvjaġġa matul Ilvant Mbiegħed ixandar l-Aħbar it-Tajba sa
l-aħħar uqija ta’ saħħtu li uża, jew bħal Santa Tereża tal-Bambin Ġesù li kienet
missjunarja għalkemm hi qatt ma ħarġet mill-Kunvent tal-Karmnu. Dawn it-tnejn
huma “Patruni tal-missjonijiet”. Kunu preparati li toffru ħajjitkom biex iddawlu
d-dinja bil-verità ta’ Kristu; li twieġbu bi mħabba għall-mibegħda u
t-traskuraġni għall-ħajja, li xxandru t-tama ta’ Kristu Rxoxt f’kull rokna
tad-dinja.
8. Is-sejħa ta’ “Pentekoste ġdida” fuq id-dinja
Għeżież żgħażagħ ħbieb tiegħi, jien nittama li nara ħafna u ħafna minnkom
f’Sydney f’ Lulju 2008. Din ser tkun opportunità ta’ esperjenza fil-milja
tal-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu. Ejjew f’numru kbir biex tkunu sinjal ta’ tama u
biex tagħtu sapport apprezzattiv lill-komunità tal-Knisja fl-Awstralja li qed
thejji biex tilqagħkom. Għaż-żgħażagħ tal-pajjiż li ser jilqagħkom, din se tkun
opportunità eċċezzjonali li jxandru s-sbuħija u l-ferħ ta’ l-Evanġelju lil
soċjetà li hija sekularizzata f’ħafna modi. L-Awstralja, bħall-Oċeanja kollha,
għandha bżonn li tiskopri mill-ġdid l-għeruq insara tagħha. Fl-Eżortazzjoni
Apostolika Post-Sinodali Ecclesia in Oceania, il-Papa Ġwanni Pawlu II
kiteb “Permezz tal-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu, il-Knisja fl-Oċeanja qed
tipprepara għal evanġelizzazzjoni ġdida tal-popli li llum huma bil-ġuħ
għall-Kristu. Evanġelizzazzjoni ġdida hija l-ewwel prijorità għall-Knisja
fl-Oċeanja” (n. 18).
Jiena nistedinkom li tagħtu żmien għat-talb u għall-formazzjoni spiritwali
tagħkom ma’ tul dan l-aħħar stadju tal-vjaġġ li jwassal għat-XXIII Jum Dinji
taż-Żgħażagħ, sabiex f’Sydney intom tkunu tistgħu ġġeddu l-wegħdiet li għamiltu
fil-Magħmudija u fil-Konfirmazzjoni tagħkom. Flimkien ser insejħu l-Ispirtu
s-Santu, bil-fiduċja nitolbu lil Alla għad-don ta’ Pentekoste mġedda
għall-Knisja u għall-umanità fit-tielet millennju.
Jalla Marija magħquda fit-talb ma’ l-Appostli fiċ-Ċenaklu, takkumpanjakom ma’
tul dawn ix-xhur u taqla’ għaż-żgħażagħ Insara kollha nżul ġdid ta’ l-Ispirtu
s-Santu biex iħeġġeġ lil qalbhom. Iftakru li l-Knisja għandha fiduċja fikom!
Aħna bħala Rgħajja, speċjalment nitolbu li intom tħobbu u twasslu oħrajn biex
iħobbu lil Ġesù aktar u aktar u li intom issegwuh fedelment. B’dawn
is-sentimenti jein inberikkom ilkoll bi mħabba profonda.
Minn Lorenzago, 20 ta’ Lulju 2007.
BENEDITTU PP. XVI
Din it-traduzzjoni saret mill-Kan. Dun Karm Zammit
|